In The Media
 
 

Jittellgħu l-poloz tal-BOV Kampjonat tas-sajf tal-waterpolo
Published: 04/06/2010
 

 


L-edizzjoni 2010 tal-BOV Kampjonat Nazzjonali tal-Waterpolo se tara disa' timijiet jikkompetu fl-avveniment sportiv ewlieni ta' dan is-sajf li se jibda nhar l-Erbgħa, 16 ta' Ġunju, 2010.

Il-poloz għall-edizzjoni ta' din is-sena ttellgħu minn Peter Perotti, Kap Uffiċjal tal-Bank of Valletta u minn Dr. Austin Sammut, President tal-Assoċjazzjoni tal-Isports Akwatiċi ta' Malta (ASA) waqt konferenza tal-aħbarijiet li nżammet fil-Head Office tal-Bank, f'Santa Venera. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-ASA Remy D'Amato.

“Fi tmiem il-ġimgħa li għadda rajna dwell sportiv kbir li saħansitra kellu bżonn il-ħin barrani biex jiġi deċiż il-kampjonat tal-waterpolo tax-xitwa,” qal is-Sur Perotti.

“Dan huwa t-tielet kampjonat tal-waterpolo li huwa sponsorjat mill-BOV u aħna kunfidenti li bl-appoġġ tal-bank, il-livell tal-logħba – kemm mil-lat nazzjonali u kemm fuq livell internazzjonali – se jilħaq orizzonti ġodda b'aktar kompetittività fost it-timijiet li jipparteċipaw.”

Min-naħa tiegħu Dr. Sammut qal: “Għal darba oħra, l-ASA tixtieq tesprimi l-gratitudni tagħha lejn il-BOV għall-appoġġ li jagħtiha. Żguri li r-relazzjoni bejn il-Bank u l-Assoċjazzjoni mhux biss se tkompli fis-snin li ġejjin, iżda se tissaħħaħ. Aħna ninsabu ħerqana għal staġun kompetittiv, u nħarsu ‘l quddiem lejn obbligazzjonijiet internazzjonali nteressanti hekk kif jasal Ottubru. Dawn tal-aħħar se jinvolvu spejjeż ġodda u sostanzjali għall-ASA.”

Qabel it-tlugħ tal-fixtures, is-Sur Perotti u Dr. Sammut ippreżentaw il-premju BOV Waterpolo Player of the Year lil Josie Cachia, filwaqt li Timmy Sullivan kien ippreżentat bil-premju bħala l-Aqwa Plejer tas-Sena 2008 għal plejer tat-Tieni Diviżjoni.

Il-poloz tal-ewwel programm ittellgħu hekk: 16.06.2010 - Neptunes v Exiles; Sliema v Marsascala; 18.06.2010 - Sirens v Exiles; San Ġiljan v Ta' Xbiex.



 


Copyright Sliema ASC 2009 | Terms and Conditions | Privacy Policy